Malta mexxiet laqgħa ta’ livell għoli fin-Nazzjonijiet Magħquda fi New York dwar il-ħarsien tat-tfal fil-kunflitti armati, b’enfasi fuq il-konsegwenzi tal-użu ta’ armi splussivi f’żoni popolati u l-isfidi li qed iġibu magħhom teknoloġiji ġodda fil-gwerer.
Il-laqgħa, organizzata mill-Missjoni Permanenti ta’ Malta fi New York, flimkien mal-UNICEF, War Child Alliance u l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Kunflitt Armat, saret fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mit-twaqqif tal-mandat tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-Tfal u l-Kunflitt Armat.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne saħaq li l-protezzjoni tat-tfal trid tibqa’ fiċ-ċentru tal-isforzi internazzjonali għall-paċi u s-sigurtà. Fl-2025, in-Nazzjonijiet Magħquda vverifikaw aktar minn 14,200 każ ta’ tfal maqtula jew midruba f’kunflitti, filwaqt li l-armi splussivi u l-fdalijiet tagħhom jibqgħu fost il-kawżi ewlenin ta’ dawn il-vittmi.
“Qattajt parti kbira minn ħajti bħala kirurgu tat-tfal, naħdem biex insalva l-ħajjiet u nħares il-futur ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. Wara kull numru hemm wiċċ, familja, ħolma u futur misruq. Dawn mhumiex sempliċement ċifri, iżda ħajjiet innoċenti li nqatgħu qabel iż-żmien,” qal il-Ministru Fearne.
Id-diskussjoni ffukat b’mod partikolari fuq l-użu ta’ armi splussivi f’żoni popolati, li minbarra li joqtlu u jweġġgħu lit-tfal, jistgħu jeqirdu skejjel, sptarijiet u servizzi essenzjali u jħallu konsegwenzi fuq il-komunitajiet għal snin sħaħ. Malta hija fost il-91 pajjiż li approvaw id-Dikjarazzjoni Politika dwar l-Armi Splussivi f’Żoni Popolati, li għandha l-għan li tnaqqas il-ħsara fuq il-popolazzjoni ċivili.
Il-Ministru Fearne tkellem ukoll dwar kif id-drones, sistemi awtonomi u applikazzjonijiet militari tal-intelliġenza artifiċjali qed ibiddlu l-mod kif jiġu miġġielda l-kunflitti. Huwa sostna li l-kontroll uman, ir-responsabbiltà u r-rispett lejn il-liġi umanitarja internazzjonali għandhom jibqgħu fundamentali hekk kif dawn it-teknoloġiji jkomplu jiżviluppaw.
“Jekk, bħala bnedmin, għadna m’aħniex kapaċi nwaqqfu l-gwerer, allura l-inqas li nistgħu nagħmlu hu li nipproteġu lit-tfal innoċenti. Kull tifel u tifla jistħoqqilhom jgħixu fis-sigurtà, jikbru fil-paċi u jkollhom futur,” temm jgħid il-Ministru Fearne.